TALBA OBLIGATORJA TWILA
TINGĦAD DARBA F’ERBGĦA U GĦOXRIN SIEGĦA
- Kulmin jixtieq igħid din it-talba,iqum bil-wieqfa u jdur lejn Alla u, wieqaf f’imkienu, igħarrex lejn il-lemin u lejn ix-xellug, bħalkieku qed jistenna l-ħniena ta’ Sidu, l’Aktar Ħanin, Li Jagħder. Imbagħad igħid:
O Int li Int is-Sid ta’ kull isem u l-Ħallieq tas-smewwiet! NitolboK f’ġieh dawk Li huma Egħjun il-Jum tal-Essenza tiegħek li ma tidher, l-Aktar Għoli, il-Glorjuż Għal Kollox, biex tagħmel mit-talba tiegħi nar li jaħraq l-istarijiet li għattewni minn ġmieleK, u dawl li jmexxini lejn l-oċejan tal-Preżenza tiegħeK.
- Jerfa’ imbagħad idejh f’talba lejn Alla - imbierek u merfugħ ikun Hu – u jgħid:
O Int ix-Xewqa tad-dinja u l-Maħbub tan-nazzjonijiet! Inti tarani indurlejK, u meħlus minn kull irbit ma’ xi ħadd għajr miegħeK, u mdendel mal-ħabel tiegħeK, illi b’taħriku il-ħolqien kollu kien imċaqlaq. Jien il-qaddej tiegħeK, O Sid tieghi, u iben il-qaddej tiegħeK. Arani wieqaf lest biex inwettaq ir-rieda tiegħek u x-xewqa tiegħeK, u ma nixtieq xejn aktar għajr il-għoġba tajba tiegheK. Jien nitolbok f’ġieh l-Oċejan tal-ħniena tiegħeK u Kewkbet il-Jum tal-grazzja tiegħeK biex tagħmel bil-qaddej tiegħeK skond ir-rieda u l-għoġba tiegħeK. F’ġieh is-setgħa tiegħeK li tisboq kull kliem u tifħir! Dak kollu li ġie mikxuf minneK huwa x-xewqa ta’ qalbi u l-maħbub ta’ ruħi. O Alla, Alla tiegħi! Tħarix għal fuq tamieti u l-egħmejjel tiegħi, le ingħid hares fuq ir-rieda tiegħeK li sebqet is-smewwiet u l-art. F’ġieh Ismek l-Aktar Kbir, O Int Sid tan-nazzjonijiet kollha! Jien xtaqt biss dak li xtaqt Inti, u nħobb biss dak li tħobb Inti.
- Jinżel imbagħad għar-rkobbtejh u, ibaxxi ġbinu lejn l-art, igħid:
Inti merfugħ fuq kull tifsira ta’ kull wieħed għajr dik tiegħeK, u fehma ta’ xejn għajr Inti.
- Iqum bil-wieqfa mbagħad u jgħid:
Agħmel it-talba tiegħi, O Sid tiegħi, għajn t’ilmijiet ħajja li bihom nista’ ngħix sakemm iddum saltnateK, u nkun nista’ nsemmiK f’kull dinja tad-dinjiet tiegħeK.
- Jerġa’ jerfa’ idejħ f’talba, u jgħid:
O Int li l-firda minnek dewbet il-qlub u l-erwieħ u li bin-nar ta’ mħabbtek id-dinja kollha sfat imkebbsa! NitolboK f’ġieh l-Isem tiegħeK li bih rażżant il-ħolqien kollu, biex ma żżommx lura minni dak li hu miegħeK, O Int Li ssaltan fuq il-bnedmin kollha! Inti tara, O Sid tiegħi, dan il-barrani jħaffef lejn l-ogħla dejr minn tiegħu taħt il-baldakkin tal maestà tiegħeK u ‘l ġewwa mill-konfini tal-ħniena tiegħeK; u dan il ħati jfittex l-oċejan tal-maħfra tiegħeK; u dan il-kieni il-qorti tal-glorja tiegħeK; u din il-ħlejqa fqajra id-dija tal-ġid tiegħeK. TiegħeK hi s-setgħa li tamar, dak kollu li trid. Jien xhud li Inti għandek tiġi mfaħħar fl-egħmejjel tiegħeK, u li tkun obdut f’dak illi tamar, u li tibqa’ bla mxekkel fl-amar tiegħeK.
- Imbagħad jgħolli idejh, u jsemmi tliet darbiet l-Akbar Isem. Jiltewa mbagħad b’idejh mistrieħa fuq irkobbtejh quddiem Alla – imbierek u merfugħ ikun Hu – u jgħid:
Inti tara, O Alla tiegħi, kif l-ispirtu tiegħi tqanqal f’ġismi u fl-imfasal tiegħi, imxennaq biex jagħtiK qima, u fil-kilba tiegħu biex jiftakreK u jfaħħreK; kif ixiehed dak li Lsien ta’ l-Amar Tiegħek xehed fis-saltna ta’ taqwilek u sema tal-għarfien tiegħeK. Jien inħobb, f’din il-qagħda, O Sid tiegħi, nitolboK dak kollu li hu miegħeK, biex inkun nista’ nuri l-faqar tiegħi, u nkabbar it-tjieba tiegħeK u l-għana tiegħeK, u nkun nista’ nistqarr djufiti, u nuri il qawwa tiegħeK u s-setgħa tiegħeK.
- Imbagħad iqum bil-wieqfa u jgħolli idejh darbtejn f’talba, u jgħid:
M’hemmx Alla għajreK, is-Setgħani, it-Tajjeb f’Kollox. M’hemmx Alla għajreK, l-Ammar, kemm fil-bidu u fit-tmien. O Alla, Alla tiegħi! Il-maħfra għamlitli l-ħila, u l-ħiena tiegħeK saħħitni, u s-sejħa tiegħek qajmitni, u l-grazzja tiegħek regħetni ‘l fuq u mexxitni lejK. Min jien, wara kollox, li nazzarda nieqaf f’bieb il-belt tal-qarbien tiegħek, jew wiċċi ndawwar lejn id-dwal li qed jiddu mis-sema tar-rieda tiegħeK? Inti tara, O Sid tiegħi, din l-imsejkna ħlejqa tħabbat fuq il-bieb tal-grazzja tiegħeK, u din ir-ruħ ħfejfa tfittex ix-xmara tal-ħajja dejjiema mill-idejn tat-tjieba tiegħeK. TiegħeK il-amar kull ħin, O Inti Li Int is-Sid tal-ismijiet kollha; u tiegħi ir-rassenjazzjoni u kejn ir-rieda għar-rieda tiegħeK, O Ħallieq tas-smewwiet!
- Igħolli mbagħad tliet darbiet, u jgħid:
Akbar hu Alla minn kull kbir iehor!
- Jinżel għar-rkobbtejh imbagħad u, jbaxxi ġbinu lejn l-art, igħid:
Int għoli wisq għat-tifhir ta’ dawk li jqarrbu lejK biex jitilgħu fis-sema ta’ qarbieneK, jew għall-agħsafar ta’ qlub dawk li huma devoti lejK biex jiksbu l-bieb ta’ biebeK. Jien xhud li Int ġejt imqaddes fuq kull attribut u mqaddes fuq kull isem. M’hemmx Alla għajreK; l-Ogħla, il-Glorjuż-f’Kollox.
- Jogħod bil-qiegħda mbagħad u jgħid:
Jien xhud ta’ dak li għalih xehdu l-ħwejjeġ maħluqa, u l-Folla fil-għoli, u l-għammara tal-ogħla Ġenna, u lil hinn minnhom ilsien il-Kobor innifsu mix-Xefaq kollu-glorjuż, li Inti Alla, li m’hemmx Alla għajreK, u li Dak li kien muri huwa l-Misteru Moħbi, il-Għelm Għażiż, li minnu l-ittri H u U (Hu) intgħaqdu u twaħħdu flimkien. Jien xhud li Hu dak li ismU ġie mħażżeż mill- Pinna ta’ Aktar Għoli, u li kien imsemmi fil-Kotba t’Alla, is-sid tat-Tron fil-għoli u ta’ l-art taħt.
- Iqum bil-wieqfa mbagħad u jgħid:
O Sid ta’ kulma hu u Sid kull ħaga li tidher jew li ma tidhirx! Inti tara d-dmugħ tiegħi u t-tnehid li nlissen, u tisma’ kribi, u t-twerżiq tiegħi, u l-ilment ta’ qalbi. F’ġieh is-setgħa tiegħek! Nuqqasijieti żammewni lura m’li noqrob lejK; u dnubieti żammewni ‘l bogħod mill-qorti ta’ qdusiteK. ImħabbteK, O Sid tiegħi, għanietni, u l-firda minneK qerditni, u l-bogħod minneK kielni. NitolboK f’ġieh passejK fix-xagħri, u f’ġieh il kelmiet “Hawn jiena. Hawn jiena” li l-magħżulin minneK lissnu f’din l-immensita, u f’ġieh nifsijiet ir-Rivelazzjoni tiegħeK, u l-irjieħ ħlejja tas-Sebħ tad-Dehra tiegħek, biex tamar li nkun nista’ ngħarrex fuq ġmieleK u nifli kulma hemm fil-Ktieb tiegħeK.
- Isemmi mbagħad tliet darbiet l-Akbar Isem, u jitbaxxa b’idejh mistrieħa fuq irkobbtejh, u jgħid:
Tifħir lileK, O Alla tiegħi, Int li għintni niftakreK u nfaħħreK, u ġagħaltni nsir naf lilU Li hu Għajn il-Jum tal-egħliem tiegħeK, u ġagħaltni nitbaxxa quddiem is-Sinjurija TiegħeK, u numilja ruħi quddiem ir-Ras Allija, u nistqarr dak li kien imqawwel minn Ilsien il-kobor tiegħeK.
O Alla, Alla tiegħi! Dahri milwi bit-toqol ta’ dnubieti, u t-telqa tiegħi qerditni. Kulmeta naħseb fuq l-egħmejjel tiegħi ħziena u l-qalb tajba tiegħeK, qalbi ddub ġo fija, u demmi jagħli fil-vini tiegħi. F’ġieh ġmieleK, O Int ix-Xewqa tad-dinja! Nistħi nerfa’ wiċċi lejK, u idejja mxennqin jistħu jinfetħu lejn is-sema ta’ tjubiteK. Inti tara, O Alla tiegħi, kif dmugħi jżommni milli niftakreK u milli nfaħħar tjibateK, O Int is-Sid tat-Tron fil-għoli u ta’ l-art taħt! Nitolbok f’ġieh egħliem is-Saltna tiegħeK u l-misteri ta’ ArteK biex tagħmel bil-maħbubin tiegħeK kif jixraq lil tjubiteK, O Sid ta’ kulma hu, u xieraq għall-grazzja tiegħeK, O Sultan ta’ dak li jidher u li ma jidhirx!
Isemmi mbagħad tliet darbiet l-Akbar Isem, u jinżel għar-rkobbtejh bi ġbinu lejn l-art, u jgħid:
Tiħir lileK, O Alla tagħna, li bgħattilna hawn isfel dak li jqarribna lejK, u fornejtna b’kull ħaġa tajba imniżżla minneK fil-Kotba tiegħeK u l-Kitbiet tiegħeK. Ħarisna, nitolbuK, O Sid tiegħi, mill-armati ta’ stħajjil fieragħ u tmaħħiħ għal xejn. Inti, fis-sewwa, is-Setgħani, li Taf-Kollox.
Jerfa’ mbagħad rasu, u joqgħod bil-qiegħda, u jgħid:
Jien xhud, O Alla tiegħi, għal dak li għalih xehdu il-magħżulin tiegħeK, u nistqarr dak li l-għammara ta’ l-ogħla Ġenna u dawk li daru madwar it-Tron setgħani tiegħeK marru jistqarru. Saltniet l-art u s-sema huma tiegħeK, O Sid tad-dinjiet!