Prayers & Meditations

Maltese · Bahá'u'lláh

Add range:

TALBA OBLIGATORJA TWILA

TINGĦAD DARBA F’ERBGĦA U GĦOXRIN SIEGĦA

  • Kulmin jixtieq igħid din it-talba,iqum bil-wieqfa u jdur lejn Alla u, wieqaf f’imkienu, igħarrex lejn il-lemin u lejn ix-xellug, bħalkieku qed jistenna l-ħniena ta’ Sidu, l’Aktar Ħanin, Li Jagħder. Imbagħad igħid:

O Int li Int is-Sid ta’ kull isem u l-Ħallieq tas-smewwiet! NitolboK f’ġieh dawk Li huma Egħjun il-Jum tal-Essenza tiegħek li ma tidher, l-Aktar Għoli, il-Glorjuż Għal Kollox, biex tagħmel mit-talba tiegħi nar li jaħraq l-istarijiet li għattewni minn ġmieleK, u dawl li jmexxini lejn l-oċejan tal-Preżenza tiegħeK.

  • Jerfa’ imbagħad idejh f’talba lejn Alla - imbierek u merfugħ ikun Hu – u jgħid:

O Int ix-Xewqa tad-dinja u l-Maħbub tan-nazzjonijiet! Inti tarani indurlejK, u meħlus minn kull irbit ma’ xi ħadd għajr miegħeK, u mdendel mal-ħabel tiegħeK, illi b’taħriku il-ħolqien kollu kien imċaqlaq. Jien il-qaddej tiegħeK, O Sid tieghi, u iben il-qaddej tiegħeK. Arani wieqaf lest biex inwettaq ir-rieda tiegħek u x-xewqa tiegħeK, u ma nixtieq xejn aktar għajr il-għoġba tajba tiegheK. Jien nitolbok f’ġieh l-Oċejan tal-ħniena tiegħeK u Kewkbet il-Jum tal-grazzja tiegħeK biex tagħmel bil-qaddej tiegħeK skond ir-rieda u l-għoġba tiegħeK. F’ġieh is-setgħa tiegħeK li tisboq kull kliem u tifħir! Dak kollu li ġie mikxuf minneK huwa x-xewqa ta’ qalbi u l-maħbub ta’ ruħi. O Alla, Alla tiegħi! Tħarix għal fuq tamieti u l-egħmejjel tiegħi, le ingħid hares fuq ir-rieda tiegħeK li sebqet is-smewwiet u l-art. F’ġieh Ismek l-Aktar Kbir, O Int Sid tan-nazzjonijiet kollha! Jien xtaqt biss dak li xtaqt Inti, u nħobb biss dak li tħobb Inti.

  • Jinżel imbagħad għar-rkobbtejh u, ibaxxi ġbinu lejn l-art, igħid:

Inti merfugħ fuq kull tifsira ta’ kull wieħed għajr dik tiegħeK, u fehma ta’ xejn għajr Inti.

  • Iqum bil-wieqfa mbagħad u jgħid:

Agħmel it-talba tiegħi, O Sid tiegħi, għajn t’ilmijiet ħajja li bihom nista’ ngħix sakemm iddum saltnateK, u nkun nista’ nsemmiK f’kull dinja tad-dinjiet tiegħeK.

  • Jerġa’ jerfa’ idejħ f’talba, u jgħid:

O Int li l-firda minnek dewbet il-qlub u l-erwieħ u li bin-nar ta’ mħabbtek id-dinja kollha sfat imkebbsa! NitolboK f’ġieh l-Isem tiegħeK li bih rażżant il-ħolqien kollu, biex ma żżommx lura minni dak li hu miegħeK, O Int Li ssaltan fuq il-bnedmin kollha! Inti tara, O Sid tiegħi, dan il-barrani jħaffef lejn l-ogħla dejr minn tiegħu taħt il-baldakkin tal maestà tiegħeK u ‘l ġewwa mill-konfini tal-ħniena tiegħeK; u dan il ħati jfittex l-oċejan tal-maħfra tiegħeK; u dan il-kieni il-qorti tal-glorja tiegħeK; u din il-ħlejqa fqajra id-dija tal-ġid tiegħeK. TiegħeK hi s-setgħa li tamar, dak kollu li trid. Jien xhud li Inti għandek tiġi mfaħħar fl-egħmejjel tiegħeK, u li tkun obdut f’dak illi tamar, u li tibqa’ bla mxekkel fl-amar tiegħeK.

  • Imbagħad jgħolli idejh, u jsemmi tliet darbiet l-Akbar Isem. Jiltewa mbagħad b’idejh mistrieħa fuq irkobbtejh quddiem Alla – imbierek u merfugħ ikun Hu – u jgħid:

Inti tara, O Alla tiegħi, kif l-ispirtu tiegħi tqanqal f’ġismi u fl-imfasal tiegħi, imxennaq biex jagħtiK qima, u fil-kilba tiegħu biex jiftakreK u jfaħħreK; kif ixiehed dak li Lsien ta’ l-Amar Tiegħek xehed fis-saltna ta’ taqwilek u sema tal-għarfien tiegħeK. Jien inħobb, f’din il-qagħda, O Sid tiegħi, nitolboK dak kollu li hu miegħeK, biex inkun nista’ nuri l-faqar tiegħi, u nkabbar it-tjieba tiegħeK u l-għana tiegħeK, u nkun nista’ nistqarr djufiti, u nuri il qawwa tiegħeK u s-setgħa tiegħeK.

  • Imbagħad iqum bil-wieqfa u jgħolli idejh darbtejn f’talba, u jgħid:

M’hemmx Alla għajreK, is-Setgħani, it-Tajjeb f’Kollox. M’hemmx Alla għajreK, l-Ammar, kemm fil-bidu u fit-tmien. O Alla, Alla tiegħi! Il-maħfra għamlitli l-ħila, u l-ħiena tiegħeK saħħitni, u s-sejħa tiegħek qajmitni, u l-grazzja tiegħek regħetni ‘l fuq u mexxitni lejK. Min jien, wara kollox, li nazzarda nieqaf f’bieb il-belt tal-qarbien tiegħek, jew wiċċi ndawwar lejn id-dwal li qed jiddu mis-sema tar-rieda tiegħeK? Inti tara, O Sid tiegħi, din l-imsejkna ħlejqa tħabbat fuq il-bieb tal-grazzja tiegħeK, u din ir-ruħ ħfejfa tfittex ix-xmara tal-ħajja dejjiema mill-idejn tat-tjieba tiegħeK. TiegħeK il-amar kull ħin, O Inti Li Int is-Sid tal-ismijiet kollha; u tiegħi ir-rassenjazzjoni u kejn ir-rieda għar-rieda tiegħeK, O Ħallieq tas-smewwiet!

  • Igħolli mbagħad tliet darbiet, u jgħid:

Akbar hu Alla minn kull kbir iehor!

  • Jinżel għar-rkobbtejh imbagħad u, jbaxxi ġbinu lejn l-art, igħid:

Int għoli wisq għat-tifhir ta’ dawk li jqarrbu lejK biex jitilgħu fis-sema ta’ qarbieneK, jew għall-agħsafar ta’ qlub dawk li huma devoti lejK biex jiksbu l-bieb ta’ biebeK. Jien xhud li Int ġejt imqaddes fuq kull attribut u mqaddes fuq kull isem. M’hemmx Alla għajreK; l-Ogħla, il-Glorjuż-f’Kollox.

  • Jogħod bil-qiegħda mbagħad u jgħid:

Jien xhud ta’ dak li għalih xehdu l-ħwejjeġ maħluqa, u l-Folla fil-għoli, u l-għammara tal-ogħla Ġenna, u lil hinn minnhom ilsien il-Kobor innifsu mix-Xefaq kollu-glorjuż, li Inti Alla, li m’hemmx Alla għajreK, u li Dak li kien muri huwa l-Misteru Moħbi, il-Għelm Għażiż, li minnu l-ittri H u U (Hu) intgħaqdu u twaħħdu flimkien. Jien xhud li Hu dak li ismU ġie mħażżeż mill- Pinna ta’ Aktar Għoli, u li kien imsemmi fil-Kotba t’Alla, is-sid tat-Tron fil-għoli u ta’ l-art taħt.

  • Iqum bil-wieqfa mbagħad u jgħid:

O Sid ta’ kulma hu u Sid kull ħaga li tidher jew li ma tidhirx! Inti tara d-dmugħ tiegħi u t-tnehid li nlissen, u tisma’ kribi, u t-twerżiq tiegħi, u l-ilment ta’ qalbi. F’ġieh is-setgħa tiegħek! Nuqqasijieti żammewni lura m’li noqrob lejK; u dnubieti żammewni ‘l bogħod mill-qorti ta’ qdusiteK. ImħabbteK, O Sid tiegħi, għanietni, u l-firda minneK qerditni, u l-bogħod minneK kielni. NitolboK f’ġieh passejK fix-xagħri, u f’ġieh il kelmiet “Hawn jiena. Hawn jiena” li l-magħżulin minneK lissnu f’din l-immensita, u f’ġieh nifsijiet ir-Rivelazzjoni tiegħeK, u l-irjieħ ħlejja tas-Sebħ tad-Dehra tiegħek, biex tamar li nkun nista’ ngħarrex fuq ġmieleK u nifli kulma hemm fil-Ktieb tiegħeK.

  • Isemmi mbagħad tliet darbiet l-Akbar Isem, u jitbaxxa b’idejh mistrieħa fuq irkobbtejh, u jgħid:

Tifħir lileK, O Alla tiegħi, Int li għintni niftakreK u nfaħħreK, u ġagħaltni nsir naf lilU Li hu Għajn il-Jum tal-egħliem tiegħeK, u ġagħaltni nitbaxxa quddiem is-Sinjurija TiegħeK, u numilja ruħi quddiem ir-Ras Allija, u nistqarr dak li kien imqawwel minn Ilsien il-kobor tiegħeK.

  • Iqum imbagħad u jgħid:

O Alla, Alla tiegħi! Dahri milwi bit-toqol ta’ dnubieti, u t-telqa tiegħi qerditni. Kulmeta naħseb fuq l-egħmejjel tiegħi ħziena u l-qalb tajba tiegħeK, qalbi ddub ġo fija, u demmi jagħli fil-vini tiegħi. F’ġieh ġmieleK, O Int ix-Xewqa tad-dinja! Nistħi nerfa’ wiċċi lejK, u idejja mxennqin jistħu jinfetħu lejn is-sema ta’ tjubiteK. Inti tara, O Alla tiegħi, kif dmugħi jżommni milli niftakreK u milli nfaħħar tjibateK, O Int is-Sid tat-Tron fil-għoli u ta’ l-art taħt! Nitolbok f’ġieh egħliem is-Saltna tiegħeK u l-misteri ta’ ArteK biex tagħmel bil-maħbubin tiegħeK kif jixraq lil tjubiteK, O Sid ta’ kulma hu, u xieraq għall-grazzja tiegħeK, O Sultan ta’ dak li jidher u li ma jidhirx!

  • Isemmi mbagħad tliet darbiet l-Akbar Isem, u jinżel għar-rkobbtejh bi ġbinu lejn l-art, u jgħid: Tiħir lileK, O Alla tagħna, li bgħattilna hawn isfel dak li jqarribna lejK, u fornejtna b’kull ħaġa tajba imniżżla minneK fil-Kotba tiegħeK u l-Kitbiet tiegħeK. Ħarisna, nitolbuK, O Sid tiegħi, mill-armati ta’ stħajjil fieragħ u tmaħħiħ għal xejn. Inti, fis-sewwa, is-Setgħani, li Taf-Kollox.

  • Jerfa’ mbagħad rasu, u joqgħod bil-qiegħda, u jgħid:

Jien xhud, O Alla tiegħi, għal dak li għalih xehdu il-magħżulin tiegħeK, u nistqarr dak li l-għammara ta’ l-ogħla Ġenna u dawk li daru madwar it-Tron setgħani tiegħeK marru jistqarru. Saltniet l-art u s-sema huma tiegħeK, O Sid tad-dinjiet!

TALBA OBLIGATORJA MEDJA (Medium Obligatory Prayer)

TINGHAD KULJUM, FIL-GĦODU, F’NOFS IN-NĦAR, U FIL-GĦAXIJA

  • Kulmin jixtieq jitlob ħalli jaħsel idejħ, u waqt li jaħsilħom igħid:

Saħħaħli idi, O Alla tiegħi, sabiex tkun tista’ taħfen il-Ktieb tiegħeK hekk tajjeb li l-folol dinjija ma jkollhomx setgħa fuqu. Ħarsu, immela, mit-tbagħbis kollu li mhux tiegħu. Int Hu fis-sewwa, is-Setgħani, l-Aktar Qawwi.

  • U waqt li qed jaħsel wiċċu, igħid

Jien dawwart wiċċi lejK, O Sid tieħhi! Dawlu bid-dija ta’ wiċċeK. Ħarsu, immela milli jdur lejn xi ħaddieħor għajreK.

  • Iqum imbagħad, u jħares lejn il-Qiblih (Punt ta’ Qima, jiġifieri, Bahjí ‘Akká), igħid:

Alla xehed li m’hemmx Alla ieħor għajrU. Tiegħu salniet ir-Rivelazzjoni u tal-ħolqien. Hu, fis-sew, wera lilU Nnifsu li Hu Għajn-il Jum tar-Rivelazzjoni, li tħaddet fuq is-Sinaj, li minnU l-Ogħla Xefaq iġġagħal jiddi, u Siġret li Lotu li m’hemmx triq lil hinn minnha itkellmet, u li minnU kienet mistqarra s-sejħa lil dawk kollha li jinsabu fis-sema u fl-art: “Araw, Dak Li Għandu Kollox ġie. L-art u s-sema, il glorja u s-setgħa huma t’Alla, is-Sid tal bnedmin kollha, u Sid tat-Tron fil-għoli u ta’ l-art taħtana!”

  • Jitbaxxa, mbagħad, b’idejh fuq irkobbtejh, u jgħid:

Merfugħ Int fuq it-tifħir tieghi u t-tifħir ta’ kulmin jinsab biswiti, fuq tifsil ħsiebi u tifsil ħsieb dawk kollħa li jinsabu fis-sema u dawk kollha fuq l-art!

  • Imbagħad, bil- wieqfa b’idejh miftuħa, il-pali ‘l fuq lejn wiċċu, igħid:

Twarrabx minn xewqtu, O Alla tiegħi, lil dak li, b’subgħajn jitolbu, iggranfa mal-keffa tal-ħniena tiegħeK u tal-grazzja tiegħeK, O Int li minn dawk li juru ħniena Int l-Aktar Ħanin!

  • Joqgħod, imbagħad, bil-qiegħda u jgħid:

Jien xhud tal-għaqda tiegħeK u tal-waħdan tiegħeK, u li Inti Alla, u li m’hemmx Alla ieħor ghajreK. Inti, fis-sewwa, kxift il-Kawża tiegħeK, u wettaqt il-Ftehim tiegħeK, u ftaħt beraħ il-bieb tal-grazzja tiegħeK lil dawk kollha li jgħixu fis-sema u fuq l-art. Il barka u s-sliem, il-merħba u l-glorja, iserrħu fuq dawk illi tħobb Inti, li t-tibdiliet u il-ġrajjiet tad-dinja ma żammewhomx lura milli jduru lejK, u li taw kulma kellhom, bit-tama li jiksbu dak li jagħmel minneK. Inti, fis-sewwa, Dak li Jaħfer-Dejjem, il-Ġid-Kollu.

*(Jekk xi hadd jagħżel igħid minflok il-vers twil dawn il-kelmiet: “Alla xehed li m’hemmx Alla ieħor għajrU, l-Għajnuna fit-Tiġrib, li Tgħix Fik Innifsek,” ikun biżżejjed. U hekk ukoll, ikun biżżejjed jekk huwa, waqt li jkun bil qiegħda, jagħżel li jgħid dawn il kelmiet: “Jien xhud tal-għaqda tiegheK u tal-waħdan tiegħeK, u li Inti Alla, u li m’hemmx Alla ieħor għajreK.”)

*(Il-Jiem Interkalari, 26 ta’ Frar sa l-1 ta’ Marzu, inklużi, għandhom ikunu jiem ta’ tħejjija għas-Sawm, jiem ta’ ospitalità, karità u l-għoti ta’ rigali.)

Alla tiegħi, Nari u Dawli! Il-jiem li Int semmejt l-Ayyám-i-Há fil-Ktieb tiegħeK bdew, O Int Li int Sultan l-ismijiet, u s-sawm li l-ogħla Pinna tiegħeK ħeġġet lil dawk kollha li huma fis-saltna tal-ħolqien tiegħeK li josservaw riesaq. NitolboK, O Sid tiegħi, f’Gieh dawn il-jiem u f’ġieh dawk kollha li matul dan iż-żmien żammew sod mal-ħabel tal-kmandamenti tiegħeK, u ħafnu l-maqbad tal-preċetti tiegheK, li taghmel li kull ruħ tkun mogħtija post ġewwa egħluq il-qorti tiegħeK, u maqgħad fir-rivelazzjoni tad-dijiet qawwija tad-dawl ta’ wiċċeK.

Dawn, O Sid tiegħi, huma l-qaddejja tiegħeK li l-ebda ġibda mħassra ma żammithom lura minn dak li Int bgħatt ’l isfel fil-Ktieb tiegheK. Huma tbaxxew quddiem il-Kawża tiegħeK, u rċevew il-Ktieb tiegħeK b’hekk fehma sħiħa kif imwielda minneK, u osservaw dak li Int amart għalihom, u għażlu li jimxu wara dak li kien imniżzel minneK.

Inti tara, O Sid tiegħi, kif huma għarfu u stqarru kulma Inti kxift fl-iskritturi tiegħeK. Agħtihom jixorbu, O Sid tiegħi, mill-idejn tal-ħlewwa tiegħeK l-ilmijiet tal-eternità tiegħeK. Ikteb, immela, għalihom il-ħlas mammar għal dak li għaddas lilu nnifsu fl-oċejan tal-preżenza tiegħeK, u kiseb l-inbid fin tal-preżenza tiegheK.

Jien nitolboK, O Int is-Sultan tas-slaten u Dak li Titħassar lill-mirfusin, li tamar għalihom it-tajjeb ta’ din id-dinja u tad-dinja li ġejja. Ikteb għalihom, ukoll, dak li ħadd mill-ħlejjaq tiegħeK ma skopra, għoddhom ma’ dawk li daru madwareK, u li jitħarrku mat-tron tiegħeK f’kull dinja tad-dinjiet tiegħeK.

Int, fis-sew, is-Setgħani, Li Jaf-Kollox, li Mgħarraf-b’Kollox.

Jien ma nafx, O Alla tiegħi, x’inhu in-Nar li Inti tkebbes f’arteK. Id dinja ma tista’ qatt iddaħħan il-ħeġġa tiegħu, la l-ilma ma jitfi l-ilsna tiegħu. Il-ġnus kollha tad-dinja m’għandhomx saħħa jieqfu l-qawwa tiegħu. Kbira hija l-barka ta’dak li reseq lejh, u sema’ t-tgargir tiegħu.

Lil x’uħud, O Alla tiegħi, Inti, bil-grazzja saħħaħa tiegħeK, għenthom jersqu lejh, waqt li lil oħrajn żammejthom lura mħabba dak li wettqu idejhom fil-jiem tiegħeK. Kulmin għaġġel lejh u laħqu fil-ħeġġa tiegħu biex jgħarrex fuq ġmieleK, ħalla ħajtu fi triqteK, u tala’ għandeK, maqtugħ għal kollox minn kollox għajr minneK.

NitolboK, O Sid tiegħi, f’ġieh dan in-Nar li jħaġġeġ u jgargar fid-dinja tal-ħolqien, sabiex iċċarrat l-istarijiet li żammewni lura milli nidher quddiem it-tron tal maestà tiegħeK, u milli nieqaf fil-bieb tax-xatba tiegħeK. Amar Int għalija, O Sid tiegħi, kull ħaġa tajba li Int niżżilt fil-Ktieb tiegħeK, u tħallinix inkun imbiegħed mill-kenn tal-ħniena tiegħeK.

Setgħani Inti li tagħmel dal li jogħġboK. Inti, fis-sewwa, is-Setgħani f’Kollox, l-Aktar Ġeneruż.

Glorja lileK, O Sid Alla tiegħi! Nitolbok f’ġieh il-Magħżulin tiegħeK, u f’ġieh ir-Reffiegħa tal-Fiduċja tiegħeK, u f’ġieh Dak Li Int għażilt biex ikun is-Siġill tal-Profeti tiegħeK u tal-Qaddejja tiegħeK, biex tagħmel il-fakra fiK is-sieħba tiegħi, u l-imħabba tiegħeK il-mira tiegħi, u wiċċeK il-għan tiegħi, u ismeK il-lampa tiegħi, u xewqteK xewqti, u l-għoġba tiegħek l-għaxqa tiegħi.

Jiena midneb, O Sid tiegħi, u Inti Dak li Dejjem-Taħfer. Malli jien għarafteK, jien għaġġilt biex nikseb il-qorti għolja ta’ mħabbteK-ħanina. Aħfirli, O Sid tiegħi, dnubieti li żammewni lura milli nimxi fil-passi tal-għoġba tajba tiegħeK, u milli nilħaq is-xtut tal-oċejan ta’ waħdaneK.

M’hemm ħadd, O Sid tiegħi, li jaf jurini tjieba li lejh nista’ ndawwar wiċċi, u ħadd li jista’ jħenn għalija li nista’ nixxennaq għall-ħniena tiegħu. Tkeċċinix ‘il barra, nitolboK, mill-preżenza tal-grazzja tiegħeK, lanqas Inti ma żżomm lura minni it-tixrid tal-ġenerożità u t-tjieba tiegħeK. Amar għalija, O Sid tiegħi, dak li Int amart għal dawk li jħobbuK, u niżżel għalija dak li Inti ktibt għall- magħżulin tiegħeK. Ħarsti, il-ħin kollu, kienet imwħħla fuq ix-xefaq tal-providenza ħlejja tiegħeK, u għajnejja mdawrin għal fuq il-qorti tal-ħniniet teneri tiegħeK. Agħmel bija dak li jogħġob lileK. M’hemmx Alla ieħor għajreK, l-Alla tas-setgħa, l-Alla tal-glorja, li l-ghajnuna tiegħU tintalab mill-bnedmin kollha.

Ikun imkabbar l-isem tiegħeK, O Alla tiegħi, għax Int urejt il-Jum li hu Sultan il-Jiem, il-Jum li Int ħabbart mill-Magħżulin tiegħeK u lill-Profeti tiegħeK fit-Twavel l-aktar eċċellenti tiegħeK, il-Jum li fiħ Int xerridt id-dija tal-glorja ta’ ismijieteK kollha fuq il-ħlejjaq kollha. Kbirs hi qdusit dak li ntelaq lejK, u daħal fil-preżenza tiegħeK, u qabad il-ħsus ta leħneK.

Jien nitolbok, O Sid tiegħi, f’isem Dak li dwarU ddur bil-qima is-saltna ta’ ismijieteK, sabiex ħanin Int lilhom tgħin li huma egħżież għaliK ħalli jsebbħu il-kelma tiegħeK fost il-qaddejja tiegħeK, u jxerrdu fil-wisa’ it-tifhir lileK fost il-ħlejjaq tiegħeK, hekk li l-għaxqiet tar-rivelazzjoni teegħeK ikunu jistgħu jimlew l-erwieħ ta’ dawk kollha li jgħammru fuq l-art tiegħeK.

Ladarba Int mexxejtom, O Sid tiegħi, lejn l-ilmijiet ħajja tal-grazzja tiegħeK, agħmel, f’ġieh il-tjieba tiegħeK, li ma jinżammux lura minneK; u ladarba Int Sejjaħtilhom lejn il-għamar tat-tron tiegħeK, la tkeċċihomx mill-preżenza tiegħeK, f’ġieh imħabbteK ħanina. Niżżel fuqhom dak li jaqtagħhom għal kollox minn kollox għajr minneK, u ħalli jkunu jistgħu jogħlew fl-atmosfera tal-qarbien tiegħeK, b’tali mod li la setgħet il-ħakkiem la tnebbih dawk li ma emmnux fiK Innifsek l-aktar sultani u qawwi ma jkunu jistgħu iżommuhom lura minneK.

Kemm-il qalb inġazzata, O Alla tiegħi, itkebbset bin-nar tal-Kawża tiegħeK, u kemm-il rieqed tqajjem mill ħlewwa tal-leħen tiegħeK. Kemm huma l-barranin li fittxew il-kenn taħt id-dell tas-siġra ta’ waħdaneK, u kemm kotrana dawk bil-għatx li lehġu għall-għajn ta’ ilmijiet il-ħajja tiegħeK fil-jiem tiegħeK!

Imbierek dak li ħejja ruħu lejK, u għaġġel biex jikseb il-Għajn il-Jum ta’ dwal wiċċeK. Imbierek dak li b’imħabbtu kollha dar lejn Imkien is-Sebħ tar-Rivelazzjoni tiegħeK u r-Ras il-Għajn tal-lehma tiegħeK. Imbierek dak li ħaddem fi-triqteK dak li Inti tajtu bit-tjubija u l-għoġba tiegħeK. Imbierek dak li, fix-xenqa tuġa’ għaliK, warrab kollox barra lileK. Imbierek dak li gawda għaqda intima miegħeK, u ħeles lilu nnifsu minn kull irbit ma’ kulħadd għajr miegħeK.

Jien nitolbok, O Sid tiegħi, f’ġieh Dak Li huwa l-Isem tiegħeK, Li, bil-qawwa ta’ setgħeteK u saħħteK, ogħla fuq ix-xefaq tal-ħabs tieghU, biex jamar għal kulħadd dak li jixraq lileK u lil tifħireK.

Is-setgħa tiegħeK, fis-sewwa, tiddaqqas ma’ kollox.

Kull tifħir, O Alla tiegħi, lileK Li int il-Għajn ta’ kull glorja u maestà, ta’ kobor u ġieh, ta’ saltna u ħakma, ta’ ġħoli u grazzja, ta’ biża’ mqejjem u qawwa. Lil kulmin Inti trid Int iġġagħlu jinġibed lejn l-Akbar Oċejan, u fuq min Inti tixtieq Int issawwab il-ġieh li jagħraf l-Eqdem Isem tiegħeK. Minn dawk kollha li jinsabu fis-sema jew fuq l-art, ħadd ma jista’ għal tħaddim ir-Rieda tiegħeK sultana. Sa minn dejjem Int mexxejt il-ħolqien kollu, u Int tissokta għal dejjem tħaddem il-ħakma tiegħeK fuq il-ħwejjeġ kollha maħluqa. M’hemmx Alla iehor għajrek, is-Setgħani, l’Aktar Għoli, il-Qawwi f’Kollox, il-Għaref f’Kollox.

Dawwal, O Sid, l-uċuh tal-qaddejja tiegħeK, biex huma jkunu jistgħu jarawK; u naddaf qlubhom sabiex ikunu jistgħu jduru lejn il-qorti tal-għoġbat tiegħeK smewija, u jagħirfu lilU Li huwa Mdieher ta’ InnifseK u l-Għajn il-Jum ta’ l-Essenza tiegħeK. Fis-sewwa, Inti is-Sid tad-dinjiet kollha. M’hemmx Alla għajreK, li Ma Mxekkel, li Tagħleb-Kollox.

Inti glorifikat, O Sid Alla tiegħi! Nitolbok f’ġieh l-irjieħ neffieħa tal-grazzja tiegħeK, u f’ġieh dawk Li huma l-Egħjun il-Jum tal-għan tiegħeK u Mkejjen is-Sebħ tal-lehma tiegħeK, biex tibgħat fuqi u fuq dawk kollha li fittxew wiċċeK dak li jidhrilhom it-tjieba tiegħeK u l-grazzja kotrana, u xieraq għal għotjieteK u għoġbateK. Imsejken u kiebi jien, O Sid tiegħi! Għaddasni fl-oċejan tal-ġid tiegħeK; bil-għatx, ħallini nixrob mill-ilma ħaj ta’ mhabbteK- ħanina.

NitolboK, f’ġieh Innifsek u f’ġieh Dak li Int ħtart bħala Wirja tal-Essenza tiegħeK u l-Kelma reqqija tiegħeK lil kulma jinsab fis-sema u fuq l-art, biex tiġbor flimkien il-qaddejja tiegħeK taħt il-dell tas-Siġra tal-Providenza ħlejja tiegħeK. Għinhom, immela, biex jiksbu sehemhom mill-frott tagħha, imejlu widnejhom lejn it-tħaxwix tal-weraq tagħha, u għall-ħlewwa ta’ leħen l-Għasfur li jgħanni fuq il-friegħi tagħha. Inti, fis-sewwa, l-Għajnuna fis-Saram, li Ma tistax Tintlaħaq, is-Setgħani, l-Aktar Tajjeb.

Itkun imfaħħar, O Sid Alla tiegħi! Dan huwa l-qaddej tiegħeK li xorob minn idejn il-grazzja tiegħeK l-inbid tal-ħniena tenera tiegħeK, u daq it-togħma ta’ mhabbteK fil-jiem tiegħeK. NitolboK, f’ġieh it-tiswir ta’ ismijieteK li l-ebda niket ma jista’ jżomm li jifraħ fl-imħabba tiegħeK jew milli jħares fuq wiċċeK, u li ċ-ċorom kollha ta’ dawk bla kont m’għandhom il-ħila li jġagħluh idur mit-triq tal-ġħoġba tiegħeK, li jfornuh bil-ħwejjeġ tajbin li għandek Inti, u li jgħolluh hekk fil-għoli li jara d-dinja bħala dell li jgħib eħfef minn teptipa t’għajn.

Żommu fiż-żgur ukoll, O Alla tiegħi, bis-saħħa tal-maestà tiegħeK bla qies, minn dak kollu li Inti tistmerr. Inti, fis-sewwa, is-Sid tiegħu u s-Sid tad-dinjiet kollha.

Imkabbar Ikun ismeK, O Sid Alla tiegħi! Int huwa Dak Li l-ħwejjeġ kollha jqimu u Li ma tqim lil ħadd, Li int is-Sid ta’ kollox u il-qaddej ta’ xejn, Li taf kollox u magħruf minn xejn. Inti xtaqt li l-bnedmin ikunu jafuK; għalhekk, Int, bil-kelma ta’ fommoK, sawwart il-ħolqien u fassalt l-univers. M’hemmx Alla ieħor għajreK, il-Fassal, il-Ħallieq, is-Setgħan, l-Aktar Qawwi.

Nitolbok, f’ġieh din il-kelma li iddiet fuq ix-xefaq tar-rieda tiegħeK, li tħallini nixrob fit-tul mill-ilmijiet ħajja li bihom Inti ħjejt il-qlub tal-magħżulin tiegħeK u ħeġġiġt l-erwieh ta’ dawk li jħobbuK, sabiex jien, kull hin u f’kull qagħda, indawwar wiċċi għal kollox lejK.

Int l-Alla tal-qawwa, tal-glorja u tal- ġid. M’hemmx Alla għajreK, il-Mexxej Suprem, il-Glorjuż f’Kollox, li Jaf Kollox.

O Int li wiċċeK hu l-għan tal-qima tiegħi, li ġmieleK hu l-kenn tiegħi, li l-għamar tiegħeK huwa ħsiebi, li tifħireK hu t-tama tiegħi, li l-providenza tiegħeK hi s-sieħba tiegħi, li mħabbteK hi l-kaġun ta’ l-essenza tiegħi, li titrifeK hu s-sabar tiegħi, li qarbieneK hu x-xewqa tiegħi, li l-preżenza tiegħeK hi l-aktar xewqa għażiża tiegħi u l-ogħla għan fi ħsiebi, nitolboK biex ma żżommx lura minni l-ħwejjeg li Int ħejjet għall-magħżulin fost il-qaddejja tiegħeK. Fornini, immela, bit-tajjeb ta’ din id-dinja u ta’ l-oħra.

Inti, fis-sewwa, is-Sultan tal-bnedmin kollha. M’hemmx Alla għajreK, Li Jaħfer-Dejjem, l-Akbar Ġeneruż.

TALBA OBBLIGATORJA QASIRA

TINGĦAD DARBA F’ERBGHA U GĦOXRIN SIEGĦA, F’NOFS IN-NHAR

Jiena xhud O Alla tiegħi, li inti ħlaqtni biex inkun nafeK u biex inqimeK. Nixhed, f’dan il-waqt, id-dgħufija tiegħi u l-qawwa tiegħeK, il faqar tiegħi u l-għana tiegħeK.

M’hemmx Alla ieħor għajr Inti, l-Għajnuna fis-Saram, li Tgħix Fik Innifsek.